News

Kif timmaniġġja l-iskart perikoluż id-dar

By December 29, 2016 No Comments

Għalkemm forsi naħsbu li l-iskart li niġġeneraw ġewwa djarna mhux ta’ natura perikoluża, fil-verità parti minnu hu meqjus perikoluż f’termini ta’ kif jiġi mmaniġjat dak l-istess skart. Għalhekk, tajjeb li ngħarfu liema huma dawk l-oġġetti li jitqiesu perikolużi u li mhux posthom fil-borża s-sewda jew fil-borża tar-riċiklaġġ. Dan għaliex dawn l-oġġetti jkun fihom numru ta’ sustanzi kimiċi li jekk ma jkunux mormija tajjeb jagħmlu ħsara lill-ambjent u saħansitra lil saħħitna.

Prodotti, bħal żebgħa, spirti u sprejs nagħrfuhom mill-ewwel mis-simboli li juru li huma ta’ periklu għal bniedem, u allura anke għall-ambjent. Madanakollu prodotti oħrajn, uħud minnhom li nużawhom għal benefiċċju tagħna, bħal mediċini, make-up, sapun u siringi qajla nagħrfu li f’termini ta’ skart huma kklasifikati bħala perikolużi u jridu jiġu ttrattati b’mod separat u differenti minn skart ieħor. Ma’ dawn nistgħu nżidu wkoll il-bozoz tad-dawl, li wkoll mhux posthom fl-ebda borża li nużaw għaż-żibel..

Is-sitt Ċentri għall-Iskart Goff jinsabu l-Imrieħel, Ħal Far, Ħal Luqa, il-Magħtab, Ta’ Qali u Tal-Kus f’Għawdex. F’dawn kollha tista’ tarmi b’xejn kull tip ta’ skart perikoluż, goff u materjal riċiklabbli li ġej mid-djar.Dawn is-siti huma miftuħa sebat ijiem fil-ġimgħa (inklużi l-festi pubbliċi) bejn is-7.30am u l-5.30pm. Il-karozzi jistgħu jsuqu direttament fihom u b’hekk ikun evitat il-bżonn ta’ parkeġġ u għal vetturi żgħar, lanqas hemm bżonn li tagħmel appuntament. Fil-fatt, l-iskop ta’ dawn iċ-ċentri hu li jagħmilha aktar faċli għall-ġbir ta’ ċerti tipi ta’ skart domestiku u biex jiżdied il-ġbir ta’ materjal sekondarju. Dan l-iskart imbagħad ikun esportat għall-ipproċessar. Dan ġieli jsir ukoll lokalment billi l-iskart jintuża f’ħaġa oħra. Ħafna kunsilli lokali joffru wkoll is-servizz b’xejn tal-ġbir tal-iskart goff, u wħud minnhom jiġbru wkoll l-iskart perikoluż. Kellem lill-kunsill lokali tiegħek biex tara x’servizzi joffri.

Għal aktar informazzjoni dwar kif teħles mill-iskart perikoluż tiegħek kemm tidħol fis-sit http://www.dontwastewaste.gov.mt. Daqshekk hu faċli – agħti sehmek!

Leave a Reply