Aħbarijiet

Challenges of waste newspaper

By September 6, 2017 No Comments
challenges of waste

NIFHMU L-ISFIDA TAL-ISKART

 

Illum il-ġurnata, l-iskart joffri waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja Malta. Illum il-ġurnata l-ammont ta’ skart li niġġeneraw f’pajjiżna hu fost wieħed mill-ikbar fl-Unjoni Ewropea meta tqis li aħna pajjiż tant żgħir. Rapport ippubblikat f’Marzu li għadda mill-Eurostat juri li fl-2014 kull persuna f’Malta ġġenerat iċ-ċifra mdaqqsa ta’ 600 kg skart.

Id-daqs ta’ pajjiżna hu raġuni biżżejjed għaliex jeħtieġ li nnaqqsu l-iskart. Peress li d-daqs tagħna hu dak li hu, u għandna densità għolja ta’ popolazzjoni, irridu nkunu responsabbli u nimmaniġġjaw l-iskart tagħna kif jixraq. Il-mira tal-kampanja nazzjonali TAĦLIX L-ISKART (DON’T WASTE WASTE) hi li nuru din l-isfida bl-aktar mod ċar u li noffru prattiċi tajbin għall-immaniġġjar tal-iskart. Il-kampanja taħdem ukoll biex iġġib għall-attenzjoni tal-pubbliku kemm l-iskart huwa fil-fatt riżorsa tajba. L-iskart organiku jista’ jinbidel f’enerġija nadifa. Il-materjal tal-oġġetti riċiklabbli jiġi esportat u mbagħad jinbidel f’oġġetti ġodda. L-apparat elettroniku u tal-elettriku għandu fih metalli prezzjużi li jistgħu jinġabru lura jekk ikunu mormija tajjeb.

 

L-infrastruttura u s-servizzi ta’ pajjiżna jagħmluha aktar faċli għal kulħadd biex jimmaniġġja l-iskart li jkollu. Fil-lokalitajiet kollha l-ġbir tal-iskart riċiklabbli jsir mill-inqas darba fil-ġimgħa. L-oġġetti tal-plastik, tal-karta jew tal-kartun, u tal-metall għandhom jitpoġġew fil-boroż apposta, ħodor jew griżi, biex jinġabru ħalli jkunu jistgħu jiġu sseparati, jintrabtu f’balal, u jiġuesportati. Meta ma jsirx hekk u jitpoġġew fil-borża s-sewda jispiċċaw ikomplu jimlew il-miżbla. Aktar ma nnaqqru mill-ispazju tagħha, aktar jikber il-bżonn li jkollna niftħu miżbla oħra. Iċ-Ċentri għall-Iskart Goff huma miftuħin sebat ijiem fil-ġimgħa biex fihom inkunu nistgħu narmu b’xejn varjetà sħiħa ta’ oġġetti, mhux biss apparat tal-elettriku u elettroniku jew apparat domestiku (white goods) imma wkoll oġġetti perikolużi bħal żebgħa u thinners, mediċini skaduti u siringi, kif ukoll bozoz maqtugħin. Bħalissa f’Malta hawn disa’ lokalitajiet, u r-reġjun kollu ta’ Għawdex li qed jisseparaw l-iskart organiku, li jinġabar minn wara l-bibien tliet darbiet fil-ġimgħa. Meta l-proġett jespandi fuq skala nazzjonali, l-impjanti tagħna ta’ Wied il-Għajn u l-Għallis jkunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti, jistgħu jiġġeneraw aktar enerġija rinovabbli u jnaqqsu mill-iskart li jispiċċa ġol-miżbliet. Dan iffiser li għandna nimpenjaw ruħna biex nimmaniġġjaw l-iskart tagħna kif għandu jkun.

 

Dawn huma ftit mill-isfidi li rridu negħlbu sas-sena 2020:

 

  • Nirriċiklaw 50% tal-karta, plastik, metall, u ħġieġ mid-djar;
  • Innaqqsu 65% mill-iskart bijodegradabbli mid-djar tagħna billi nirriċiklawh jew nużawh mill-ġdid f’għamliet oħra minflok jispiċċa ġol-miżbla;
  • Niġbru sa 65% mill-medja tal-piż tal-apparat elettroniku u tal-elettriku li jitpoġġa fis-suq bil-ħsieb li jkun riċiklat jew irkuprat;
  • Inżidu l-ġbir sa 45% tal-batteriji użati li jitpoġġew fis-suq u nassiguraw ir-riċiklaġġ effiċjenti tagħhom.

 

 

L-għajnuna u l-kollaborazzjoni tiegħek hi essenzjali. Agħti sehmek u għina nnaqqsu l-bżonn ta’ miżbliet ġodda. Fl-istess ħin tkun qed tikkontribwixxi ħalli ngawdu aktar l-ambjent. Idħol fis-sit http://www.dontwastewaste.gov.mt

Halli Risposta