Aħbarijiet

Ghaxaq magazine

By September 6, 2017 No Comments
Ghaxaq Organic

Raħal żgħir bi pjanijiet kbar għall-immaniġġjar tal-iskart

Ir-raħal żgħir ta’ Ħal Għaxaq qiegħed minn ta’ quddiem fil-prattika tal-immaniġġjar tal-iskart, xhieda ta’ dan huma l-għetiebi tad-djar indaf u n-nuqqas ta’ skart fil-qalba tar-raħal. Dan hu sforz kollettiv tar-residenti, immexxija minn tim ħabrieki fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq. Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq jagħmel xogħlu b’passjoni u jagħraf ir-responsabbiltatijiet tal-kariga li jokkupa. L-ambjent hu wisq għal qalbu u jmidd idejh b’ħeġġa kbira b’risq l-immaniġġjar tal-iskart f’Ħal Għaxaq u lil hinn minnu. Waħda mill-ewwel affarijiet li wettaq meta ġie elett, kien li neħħa l-iskips kollha mxerrdin ’l hawn u ’l hinn mar-raħal li kienu qed joħolqu dehra żdingata. Il-permessi għall-iskips jingħataw biss lil min japplika għalihom u jaċċetta li l-iskip jitpoġġa quddiem daru.

Il-proġett pilota tal-ġbir tal-iskart organiku ntlaqa’ tajjeb ħafna f’Ħal Għaxaq, wieħed mill-ewwel irħula li implimentawh. Dan il-proġett qajjem sens ta’ solidarjetà, sens ċiviku, u entużjażmu fir-residenti li ngħaqdu fix-xewqa tagħhom li jagħmlu dan il-proġett suċċess. Ir-rappreżentanti tal-Wasteserv li żaru d-djar kellhom iwieġbu numru kbir ta’ mistoqsijiet u mill-bidu nett beda jinġabar ammont sostanzjali ta’ skart mid-djar li ipparteċipaw. L-istatistika tal-Wasteserv turi li s’issa minn Ħal Għaxaq inġabru 172,000 kilogramma ta’ skart organiku, l-ekwivalenza ta’ 14-il karozza tal-linja (ta’ qies standard).

“Fil-proġett tal-ġbir tal-iskart organiku, rajna opportunità biex nagħmlu pressjoni fuq il-komunità ta’ Ħal Għaxaq biex naħdmu flimkien u dan għamilnieh b’suċċess kif juru l-figuri tal-ammont ta’ skart li nġabar,” kompla s-sindku.

It-tieni inizzjattiva li turi d-dedikazzjoni ta’ Ħal Għaxaq kienet idea ppreżentata mill-kunsill lokali waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart fl-2015. Idea sempliċi, bil-għaqal ħafna, u relevanti ta’ kif kull kunsill lokali jista’ jirriċikla u jerġa’ juża l-ġebla Maltija li tkun intużat fil-kostruzzjoni. Fil-fatt, b’dan il-ġebel, il-kunsill bena numru ta’ ħitan madwar l-għelieqi, li taw liż-żona dehra ġdida u nadifa. Il-kunsill lokali offra dan il-ġebel b’xejn lill-pubbliku u stieden ukoll lill-kuntratturi jieħdu minnu jekk ikollhom bżonn. L-inizjattiva qed tkompli tkun ta’ suċċess.

Il-kunsill lokali jagħmilha wkoll ta’ għassies fil-komunità u jpoġġi sinjali u tabelli li juru prattiċi ħżiena fl-imaniġġjar tal-iskart. Ta’ min jgħid li mhux l-ewwel darba ttieħed xi ritratt ta’ borża taż-żibel mormija bl-addoċċ jew fejn mhux suppost u dawn ir-ritratti ntużaw ukoll f’dawn it-tabelli. Il-kunsill żied in-numru ta’ laned taż-żibel u laned għall-ħmieġ tal-klieb biex żgur ma jkunx hemm skużi għaliex dan l-iskart jintrema fit-triq. Barra minn hekk, ġew investiti fondi f’kameras tas-sigurtà madwar il-qalba tar-raħal li servew biex jitnaqqas sostanzjalment l-iskart illegali. Il-membri tal-kunsill lokali qed isegwu s-sitwazzjoni tal-iskart illegali bir-reqqa u jemmnu li l-investiment tagħhom hu wieħed fit-tul li joħloq ambjent aktar nadif. Is-Sindku jemmen ukoll li sistema ta’ inċentivi tħajjar aktar parteċipazzjoni u taf tkun ta’ benefiċċju akbar għall-komunità Għaxqija kollha, mhux biss għall-individwu.

Irħula bħal Ħal Għaxaq huma mudelli eżemplari ta’ kif l-isforz kollettiv u l-involviment ta’ kulħadd f’ komunità li tħaddan l-immaniġġjar tal-iskart, iwassal għal attitudni pożittiva u jissarraf f’benefiċċju għal kulħadd.  Nittamaw li dan l-eżempju jħajjar lil ħaddieħor jirdoppja l-isforzi tiegħu, kemm lokalitajiet li diġà qed jieħdu sehem fil-proġett pilota tal-ġbir tal-iskart organiku u kemm dawk li għad iridu jingħaqdu f’din l-inizjattiva peress li l-proġett qed jinxtered f’lokalitajiet oħrajn. L-infrastruttura li biha nistgħu nimmaniġġjaw l-iskart tagħna b’mod sostenibbli teżisti diġà. Meta nużaw is-servizzi tal-ġbir tal-iskart ipprovduti mill-gvern u mill-kunsilli lokali nagħmlu lil Malta aktar sostenibbli. Għalhekk, involvi ruħek u agħti sehmek – żgur li tista’!

Idħol fis-sit www.dontwastewaste.gov.mt għal aktar tagħrif fuq is-servizzi li hemm offruti qribek.

Halli Risposta