Aħbarijiet

Home compost newspaper

By September 6, 2017 No Comments
home composting - make a home composting bin

 L-użu tajjeb tal-iskart organiku

 

Il-kompost hu l-proċess ta’ meta n-natura tfarrak l-iskart organiku u dan, imbagħad, ikun jista’ jiżdied mal-ħamrija u jagħniha. Il-kompost hu l-mod ta’ kif in-natura tagħti lura n-nutrijenti lill-ħamrija. Minbarra li nkunu qed nagħmlu l-ħamrija aktar rikka, bil-kompost inkunu qed nirriċiklaw l-iskart u nibdluh f’riżorsa prezzjuża. Dan kieku jispiċċa fil-miżbla.  L-iskart organiku li niġġeneraw fid-dar tagħna jinkludi l-fdalijiet kollu tal-ikel, tal-ħaxix, tal-kafè mitħun u l-boroż tat-te, kif ukoll il-weraq mejta jew zkuk żgħar.  Jekk tħobb il-ġnien, għaliex ma tiddedikax parti mil-ġnien tiegħek fejn tkun tista’ tagħmel il-kompost mill-iskart organiku tiegħek stess?

 

Lejn tmiem is-sena 2015 kien introdott proġett pilota għall-ġbir tal-iskart organiku li issa jinkludi disa’ lokalitajiet f’Malta u r-reġjun kollu ta’ Għawdex. Il-ħsieb hu li ftit ftit dan il-proġett jikber fuq skala nazzjonali u b’hekk l-iskart oganiku jinġabar fil-faċilitajiet tagħna ħalli jipproduċi enerġija rinovabbli u kompost li jintuża għall-proġetti tal-Wasteserv.

 

Hemm ħafna nies interessati u ħerqanin li jagħtu sehemhom. L-ammont ta’ skart organiku li nġabar mill-ewwel ftit lokalitajiet huwa xhieda ta’ kemm din l-inizjattiva ntlaqgħet. S’issa fl-impjant ta’ Sant’Antnin daħlu madwar 2.1 miljun kilogramma skart organiku mil-lokalitajiet kollha li qed jipparteċipaw. Dan kollu sar b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali tal-istess lokalitajiet li qed jgħinuna nżidu l-għarfien dwar din it-tielet borża u fuq kif għandha tintuża.

 

Sas-sena 2020 l-ammont ta’ skart bijoloġiku li jmur fil-miżbla jrid jitnaqqas b’65%. Biex tintlaħaq din il-mira l-kontribut tiegħek hu importanti. Grazzi li qed tagħti sehmek.

 

http://www.dontwastewaste.gov.mt.

Halli Risposta